Illejla l-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat inawgura uffiċini ġodda għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji.
B’aktar minn elfejn metru kwadru l-uffiċini fiż-Żejtun se jilqgħu r-reġistrazzjoni tal-kumpaniji.
Sa qabel il-bidla fil-liġi, li saret is-sena l-oħra, dan il-proċess kien isir fl-MFSA.
B’hekk bit-twaqqif tal-aġenzija tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji saret firda għaqlija minn mar-regolatur, jiġifieri l-MFSA.
Preżentament hawn aktar minn disgħin elf kumpanija rreġistrati f’pajjiżna.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru qal li l-fatt li pajjiżna għaddej minn tkabbir ekonomiku bla preċedent u għalhekk aktar kumpaniji qed jinvestu f’pajjiżna, it-twaqqif tal-aġenzija separata mir-regolatur kien pass għaqli.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri spjega kif il-ħaddiema li se jaħdmu minn dawn l-uffiċini se jgawdu minn għadd ta’ miżuri favur il-familja, fosthom ċentru ta’ ħarsien tat-tfal fil-istess binja.