Ġie inawgurat gym ġdid f’San Vinċenz de Paul; gym li se jibda jintuża mill-ħaddiema tar-residenza kif ukoll mill-players tan-nursery tal-klabb tal-futbol Luqa St. Andrew’s.
Ġie ffirmat ukoll ftehim bejn it-tmexxija tar-residenza u l-klabb tal-futbol sabiex din il-faċilità tkun aċċessibbli wkoll għall-players ta’ Ħal Luqa.
Il-gym bħalissa għandu kapaċità ta’ għoxrin persuna u, fl-ewwel fażi tiegħu, se jitħaddem bħala proġett pilota. Se jkun jista’ jintuża mill-ħaddiema tar-residenza meta ma jkunux xogħol, jew waqt il-break tagħhom.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li dan il-proġett huwa wieħed interġenerazzjonali li jgħaqqad il-ħtiġijiet tal-ħaddiema, tal-players, u tal-anzjani flimkien.
Huwa ħabbar li Għandhom jibdew ukoll taħditiet biex il-binja preżenti tiġi estiża u tinkorpora wkoll gym rikreattiv li jkun aċċessibbli ħalli jintuża mill-anzjani ta’ ’l fuq minn 65 sena.
“Il-gym li qegħdin fih bħalissa se jiġi estiż biex ikun jista’ jakkomoda 35 persuna. Din hija attività li torbot mal-isforzi tal-management ta’ San Vinċenz de Paul biex kull ma jmur inżidu din l-attività sportiva, sew għall-ħaddiema kif ukoll għar-residenti.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, faħħar l-inizjattiva min-naħa tal-klabb tal-futbol u tar-residenza. Huwa stqarr li l-fatt li diġà qed issir ħidma sabiex dan il-gym jiġġedded turi l-impenn għal aktar aċċessibilità għall-eżerċizzju fiżiku.
“Permezz tagħha qed naraw liż-żgħażagħ tal-istess klabb tal-futbol igawdu mill-aspett sportiv, l-istess għall-anzjani, imma anke għall-impjegati tal-istess faċilità, u allura dan huwa eżempju ċar ta’ kif, meta wieħed jikkollabora, jikseb riżultati importanti, riżultati li jħallu l-frott, u fuq kollox naħseb li huwa eżempju ċar ta’ kif wieħed għandu jaħdem f’sitwazzjonijiet simili.”