Fl-Iskola Primarja ta’ San Injazju f’Ħal Luqa ġie inawgurat ġnien vertikali mingħajr l-użu tal-ħamrija, iżda bi ħxejjex u ħwawar naturali.
Dan sar biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ ħdura li hemm fiż-żona ta’ rikreazzjoni għat-tfal, u għandu l-għan li sa minn ċkunithom, it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza li jieklu ikel organiku u sustanzjuż.
Miriam Ellul, il-kordinatriċi tal-proġett Eko – Skola fi ħdan dan il-kulleġġ spjegat il-ħsieb wara dan il-proġett innovattiv.
Dan il-ġnien magħmul minn affarijiet riċiklati bħal pellets tal-injam u alka tal-baħar, jirriċikla wkoll l-ilma tat-tisqija sabiex it-tfal jitgħallmu japprezzaw iżjed din ir-riżorsa naturali.
L-Agronomista Charles Zahra jispjega kif dan il-proġett bl-għajnuna wkoll tal-bank HSBC se jirriċikla disgħin fil-mija tal-ilma li jintuża għat-tisqija.
Is-Sur Zahra qal li dan il-ġnien jista’ jkun utli għal bosta binjiet li qegħdin jinbnew bla ġonna ladarba jkun hemm ix-xemx.
Dan hekk kif is-sustanza li fiha jikbru l-ħxejjex hi waħda artifiċjali u mhix ħamrija naturali.
Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-ġudizzju ta’ dan il-proġett jgħadduh l-istudenti li jridu jikkultivawh huma filwaqt li jedukaw irwieħhom.