Ġie inawgurat ġnien ġdid f’Birkirkara b’investiment ta’ €700,000 mill-fond għall-ippjanar tal-iżvilupp. Il-Ġnien ġdid li issemma għal Lippu Sammut li kien tella’ l-qanpiena l-kbira fil-Bażilika ta’ Santa Elena, ġie inawgurat b’ċelebrazzjoni li fiha ħadu sehem bandisti mit-tlett baned f’Birkirkara.
Il-ministru għat-trasport, infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian borg stqarr li dan huwa t-tieni spazju miftuħ f’ġimgħa waħda wara li kien inawgurat Ġnien l-Istazzjon mill-Prim Ministru Joseph Muscat. B’hekk Birkirkara se tkun iggwadanjat minn total ta’ madwar 1.4 miljun ewro fi spazji miftuħa għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Ovjament irridu naraw li l-iżvilupp l-ewwel nett ikun sostenibbli, pero imbgħad għandek kumpens bi proġetti bħal dawn, spazji miftuħa li jiġu rijabilitati. Biss biss ngħidu pereżempju l-lokalitá ta’ Birkirkara gwadanjat minn miljun u nofs f’żewġ ġonna f’temp ta’ ġimgħa.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Silvio Parnis innota b’sodisfazzjon l-għaqda li hemm bejn il-kunsill lokali u l- l-gvern ċentrali. Huwa saħaq li kunsilli lokali bħal dawk ta’ Birkirkara juru li verament il-kunsilli lokali qed isiru Gvernijiet lokali. Dan filwaqt li ħeġġeġ lill-kunsilli lokali sabiex japplikaw għal skemi differenti li permezz tagħhom il-Gvern jagħti sostenn u appoġġ lill-kunsilli lokali.
“ Il-gvern joħroġ ħafna skemi, aħna bħala dipartiment, bħala Gvern Lokali noħorġu ħafna skemi u l-kunsilli lokali iridu japplikaw għalihom biex verament jibdlu l-lokalitajiet tagħhom. Aħna nemmnu li l-kunsilli lokali iridu jkunu t-tieni dar taċ-ċittadin.”
Is-sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech saħqet li permezz ta’ dan il-proġett ingħatat iżjed dinjità lill-inħawi.