Il-Karkariżi se jibdew igawdu minn spazju ieħor miftuħ li għandu marbuta miegħu l-storja tal-ferrovija f’pajjiżna.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-ġnien mill-Prim Ministru Joseph Muscat, is-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech ddeskriviet il-ġnien bħala l-uniku pulmun f’Birkirkara.
“Dan huwa l-akbar, l-unika ġnien li għandna, il-pulmun ta’ Birkirkara, għalhekk il-Karkariżi huma kuntenti ħafna li dan il-ġnien issa tlesta biex igawduh,” qalet is-Sinjura Debono Grech.
Ix-xogħol sar b’investiment ta’ miljun ewro, bl-għajnuna finanzjarja ta’ diversi entitajiet fosthom tal-Awtorità tal-Ippjanar.
“L-investiment huwa kbir, dan il-ġnien ħa jiswa madwar miljun ewro, ħadna mill-fondi tal-Planning Authority, kif għedna aktar ‘il quddiem u il-mużew ħa jiġi mill-flus tal-ERDF,” kompliet tgħid is-Sindku Debono Grech.
Fil-fatt l-awtorità allokat kważi erba mitt elf ewro għal dan il-proġett fil-komunità li jinkludi l-iżvilupp ta’ mużew tat-trasport, iċ-ċaqlieq għal quddiem il-mużew tal-uniku vagun li fadal tal-ferrovija u l-installazzjoni ta’ lift.
“Il-vagun kien ġabu missieri fit-tmeninijiet, kien ġabu biex jitgawda dan l-unika vagun li fadal, allura aħna sta għalina li rrestawrajnih biex jitgawda mill-Karkariżi u tpoġġa f’post prominenti tal-ġnien, li tpoġġa quddiem il-mużew tal-ferrovija,” qalet is-Sindku.
Fid-diskors tiegħu, Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li dan il-ġnien se jservi ta’ spazju ieħor miftuħ biex eluf ta’ familji jibdew igawduh u japprezzaw aktar l-istorja li jġib miegħu dan il-post. Huwa ta ħajr ukoll lit-tmexxija tal-Kunsill b’maġġoranza Laburista biex din il-ħolma wettaqha u saret realtà.