Minn art abbandunata b’medda ta’ 190 metru kwadru, Ġnien il-Hibiscus f’San Ġwann ġie trasformat bħala l-ewwel pocket garden, grazzi għal Parks Malta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-ġnien li se jservi ta’ eżempju għal parks u ġonna oħra li se jiġu rriġinerati fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Ġnien il-Hibiscus issa għandu bankijiet, siġar, vaska u varjetà ta’ ħwawar aromatiċi li jkomplu jsebbħu dan l-ispazju miftuħ. Għal dan il-ġnien intgħażlu pjanti apposta li huma ideali għall-klima Maltija peress li jikbru u jinżammu faċilment f’temperaturi li mdorrijin bihom.
Dan il-ġnien ikopri wkoll sistema ta’ tisqija minn ħażna tal-ilma tax-xita, li se tkun qed isaqqi l-pjanti b’mod awtomatiku bl-ammont li jkun meħtieġ, mingħajr ħela t’ilma.
L-għan ta’ dawn il-proġetti huma li jagħtu nifs lir-residenti li jgħixu f’żoni urbani madwar Malta, fejn żoni dilapitati qed jiġu trasformati fi spazji miftuħa u għalhekk ir-residenti ma jkollhomx għalfejn joħorġu ‘l barra mil-lokalità tagħhom biex igawdu n-natura.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard qal li bħalissa għaddejjin b’diversi kollaborazzjonijiet ma’ Kunsilli Lokali biex Parks Malta tkompli timplimenta l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għal aktar spazji miftuħa.
Intant is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech tenna s-sodisfazzjon tiegħu li issa dan il-ġnien pubbliku jista’ jitgawda mill-residenti fil-lokalità.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif il-proġett ta’ San Ġwann huwa eżempju kif Parks Malta se tkun qed timplimenta spazji miftuħa fil-komunità bbażat fuq il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-kunsilli lokali u l-komunità.
“Il-ħsieb tagħna huwa li jkollna dawn iż-żoni żgħar li bħalma kien f’dan il-każ li ftit tax-xhur ilu kien post litteralment abbandunat fejn in-nies kienu qegħdin jitfgħu l-iskart, u minflok naqilbuh f’żona fejn ir-residenti ta’ dik il-lokalità jistgħu jmorru jgawdu l-ħin liberu tagħhom.”