Fuq il-bejt tal-Valletta Design Cluster infetaħ ġnien ġdid.
Il-Valletta Design Cluster huwa spazju għall-artisti li nfetaħ m’ilux wara restawr f’dik li kienet il-biċċerija l-antika.
Dan il-ġnien se jintroduċi pulmun aħdar ġdid f’parti tal-Belt filwaqt li jipprovdi spazju pubbliku ġdid, aċċessibbli liberament għar-residenti u l-viżitaturi kollha.
Il-ġnien ta’ fuq il-bejt huwa kompletament aċċessibbli permezz ta’ lift.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-ġnien, il-Perit li ħadem fuq dan il-proġett spjega l-ħidma li saret anki fuq l-għeruq tal-pjanti peress li l-ġnien huwa fuq bejt.
Huwa fisser: “Għax l-għeruq bħal ma nafu iktar ma jikbru l-pjanti iżjed jippenetraw u ovvjament aħna għalxejn ikollna ġnien fuq il-bejt jekk imbagħad issir il-ħsara lill-waterproofing tal-ilma. Allura f’dawn it-tip ta’ proġetti ikun hemm dak li huwa magħruf bħala l-anti-root waterproofing, fil-każ ta’ dan il-proġett għamilna wkoll dak li hu msejjaħ bħala root-barrier addizzjonali sabiex nkunu moħħna mitejn fil-mija ċerti li mhux ħa ssir ħsara.”
Intqal kif is-sistema tal-irrigazzjoni ta’ dan il-ġnien hija mija fil-mija favur l-ambjent permezz ta’ saff li jżomm l-ilma tax-xita sabiex dan jerġa’ jintuża.
Iċ-Chairman għall-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef stqarr li din il-binja se sservi bħala inkubatur għall-arti fejn in-nies jiltaqgħu u jiġu xprunati l-ideat.
Is-Sur Micallef stqarr: “Din hija l-idea li turbanizza ż-żoni urbani fejn jgħixu l-qofol tan-nies, f’dan il-każ il-qofol tal-Beltin, il-komunità Beltija. Il-Belt minna nnifisha diġà m’għandiex ġonna u allura dawn l-ideat li inti minn spazju fuq il-bejt toħloq ġnien, ġnien urban, spazju aħdar naħseb hija importanti ħafna u naħseb hija kruċjali fi f’dan iż-żmien.”
Il-Ministru għall-Kultura u l-Arti, José Herrera qal li rridu nkomplu nsaħħu l-kunċett ta’ spazju urbanizzat aħdar u tħabbar li mill-Ġimgħa 7 ta’ Mejju se jibda l-Valletta Green Festival.
Il-festival ta’ din is-sena se jkun qed isir madwar il-Belt, minn Bieb il-Belt sa Pjazza San Ġorġ u l-infjorata ta’ din is-sena ġiet iddisinjata mill-artist lokali Zack Ritchie.