Żona ta’ għaxart elef metru kwadru f’San Vinċenz de Paul, li kienet tintuża biss bħala bitħa, inbidlet fi ġnien terapewtiku, mibni apposta għal persuni bid-dimensja.
Dan il-ġnien ġie inawgurat, wara li tlesta x-xogħol fuqu b’investiment ta’ tliet kwart ta’ miljun ewro.
L-idea wara Ġnien ix-Xewqat Sbieħ nibtet minn grupp ta’ studenti Universitarji li ħarġu bl-idea ta’ disinn ta’ ġnien li jgħin u jistimula l-moħħ ta’ persuni bid-dimensja.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul, it-tabib Josianne Cutajar, spjegat ma’ ONE News il-karatteristiċi uniċi li jsawru lil dan il-ġnien u jagħmluh attraenti għal kull min jgħaddi minnu. Fost l-oħrajn, jinkludi karatteristiċi li jistimulaw sensi bħax-xamm u s-smigħ.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela nnota li fil-passat, iż-żona li fiha sar il-proġett kienet miżbla tal-armata Ingliża li fiha kienu jintremew kanuni u biċċiet ta’ ajruplani.
Għaldaqstant tenna s-sodisfazzjon tiegħu li minn miżbla tal-gwerra, issa hawn ġnien tax-xewqat sbieħ.
Innota wkoll b’mod pożittiv kif din l-idea ġiet miż-żgħar għall-kbar; u dan il-kunċett għandu jitħaddem aktar fil-prattika għal proġetti futuri.
Irrimarka li bħalissa f’pajjiżna, hawn madwar sebat elef persuna jgħixu bid-dimensja u huwa mbassar li dan in-numru jittripplika fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant il-bżonn ta’ proġetti bħal dawn, li jagħtu nifs ġdid lil persuni li jbatu f’postijiet magħluqa u jgħixu ħajja b’ħafna kundizzjonijiet.