F’għeluq il-25 sena mill-mewt ta’ Baldassere Facciol, li matul ħajtu serva bħala Kap tal-Kamra tan-Nar ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi, il-kunsill fl-istess lokalità ħaseb biex ġnien fil-viċinanzi jiġi ddedikat lilu u l-kontribut kbir li ta permezz tal-ħidma piroteknika tiegħu.
Ġnien Baldassare Facciol ġie inawgurat mis-Sindku Dr Josef Masini Vento fil-preżenza tal-kunsillieri u membri tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan u membri tal-kamra tan-nar, fost oħrajn.

Dan il-ġnien hu spazju ieħor miftuħ għar-residenti Qriema, li ġie ffinanzjat mill-Kunsill Lokali bl-għajnuna tal-Fond għall-Iżvilupp Urban.
Il-Kunsill ra li l-ġnien isir aċċessibbli għal kulħadd biex ikun jista’ jitgawda kemm minn tfal żgħar u anke adulti.
L-Arċipriet tal-Parroċċa San Sebastjan Dun Eucharist Zammit bierek dan l-ispazju l-ġdid u awgura li dawn ikunu żoni biex jitgawdew mill-pubbliku f’sens ta’ paċi bejn kulħadd.

Is-Sindku qal li kien xieraq li dan il-ġnien jissemma għal Baldassare Facciol u jiġi inawgurat proprju fil-25 sena minn mewtu, waqt li dalwaqt se jiġi inawgurat ġnien ieħor fil-lokal iddedikat għal eks pirotekniku ieħor li mexxa l-Kamra tan-Nar ta’ San Ġorġ.
“Flimkien ma’ dan l-avveniment se jkollna avveniment ieħor ukoll, fil-25 ta’ April, fejn ġnien ieħor, in-naħa ta’ San Ġorġ, preċiżament in-naħa Tal-Blat, se jissemma għal ‘Tal-Meilaq’, li kien ukoll il-Kap tal-Kamra tan-Nar ta’ San Ġorġ.”
Josef Masini Vento, Sindku Hal Qormi