Il-Gvern inawgura uffiċini ġodda ta’ direttorat ġdid fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Mediċini.
Dan id-Direttorat se jkun qed jitratta u jassigura l-kwalità tal-apparat u tagħmir mediku fil-qasam tal-mediċina.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini.
Fil-fatt, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott spjega li għal dan id-Direttorat se ikun responsabbli għalih l-istess Awtorità.
Huwa sostna li fl-aħħar snin żdiedet sew il-ħtieġa fl-Ewropa li l-kwalità tat-tagħmir mediku titqies b’aktar attenzjoni u għalhekk qed jiġu infurzati regoli ġodda fuq it-tagħmir mediku.
Hawn sostna li Malta, f’dan il-qasam wettqet impenn kbir speċjalment quddiem xogħol li dejjem qiegħed jiżdied u jinbidel bl-avvanzi fit-teknoloġija.
Dan anke b’għajnuna mill-Gvern.
Prof. Serracino Inglott stqarr: “Kemm ilu dan il-Gvern żdiedu minn 25 għal ’il fuq minn mija, jiġifieri erbgħa darbiet iżjed però żdied ukoll mhux biss ix-xogħol iżda l-kwalità tax-xogħol pereżempju bħal affarijiet li sirna nagħmlu bħal third country inspections.”
Tul il-konferenza tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari politikament responsabbli mill-Awtorità tal-Mediċini, Dr Deo Debattista hekk kif tenna li r-rekwiżiti f’dan il-qasam huma eżiġenti ħafna u għalhekk id-Direttorat ġdid se jaqdi funzjoni importanti.
Huwa qal, “Għandna nies li diġà qed jattendu għal korsijiet lil hinn minn xtutna fejn dawn jaraw li jkunu aġġornati u mhux hekk biss, sharing of knowledge u jgħallmu n-nies tagħna. Infatti għandna minnhom li issa qed jagħmlu dottorat f’dan il-qasam.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ħabbar li Malta diġà rċeviet żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ korpi notifikati.
Korpi li fil-fatt jassiguraw li t-tagħmir mediku li jiġi manifatturat fl-Ewropa, kif ukoll dawk li huma importati minn pajjiżi terzi, jkunu ta’ kwalità u livelli stabbiliti.
Huwa sostna: “Naraw ukoll li jkun hemm kwalità u standards stabbiliti f’pajjiżi terzi fejn l-Awtorità tal-Mediċini tkun tista’ tagħti l-input u jsiru audits anke fuq livell internazzjonali. Dan imbagħad ikun qed isir permezz tal-Korpi Notifikati li sa issa diġà rċivejna żewġ applikazzjonijiet għalihom u naraw li nkomplu mexjin ’il quddiem bħala pajjiż nagħtu is-CE marking li tassigura l-prodotti jkollhom il-kwalità stabbilità skond dawn l-istandards.”