Il-Gvern inawgura Command and Control Centre ġdid fl-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ €600,000 u li jilqa’ fi ħdanu t-telefonati tal-112 li jkunu ddirezzjonati mid-Depot tal-Pulizija.
Dan iċ-ċentru, li se jibda jaħdem mill-bidu tax-xahar id-dieħel, se jkompli jagħmel s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna fost l-aqwa fid-dinja.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif permezz ta’ dan l-investiment, se tiżdied l-effiċjenza tas-servizz li jingħata waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Saħaq kif dan huwa kruċjali hekk kif 70% tat-telefonati tal-112 lill-Pulizija, kollha jiġu diretti lejn Mater Dei biex b’hekk it-Taqsima tal-Emerġenza f’Mater Dei tara 115 sejħa kuljum ta’ emerġenza u madwar 41,000 sejħa fis-sena.
Qal, “Għandna sistema fejn flimkien b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta dan iċ-ċentru jkun in realtime jaf is-sitwazzjoni tat-traffiku madwar il-pajjiż biex b’hekk meta toħroġ sejħa mhux biss toħroġ l-ambulanza jew il-vettura l-iżjed viċin imma nikkalkulaw mit-traffiku ta’ Malta liema se tasal malajr l-aktar.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega li l-ħin li fih tasal l-ewwel għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza huwa kruċjali.
Huwa rrimarka wkoll li s-sistema f’dan il-Control Centre tinkorpora fiha l-intelliġenza artifiċjali. B’hekk permezz tagħha; min fost affarijiet oħra jibgħat għall-għajnuna bil-mobile mingħajr ma jkun jaf il-post eżatt li jinsab fih, is-sistema l-ġdida timmarka u tagħraf il-post minnufih mill-messaġġ innifsu.
Qal, “Nemmnu li b’dan il-mod nistgħu nagħtu sigurtà aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin u anke lill-ħaddiema tagħna ta’ kuljum li jaħdmu għal dan il-lat u allura nagħtuhom l-aqwa għodda possibbli.”