B’investiment ta’ €40,000, ġiet imwettqa wegħda oħra mill-Baġit għal din is-sena, hekk kif ġie inawgurat ix-xogħol ta’ modernizzar u rinnovar estensiv fiċ-Ċentru tal-Volontarjat fix-Xewkija, Għawdex.
Dan ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Dan iċ-Ċentru tal-Volontarjat, li l-ħidma fih saret minn ħaddiema tal-Gvern stess, se jservi ta’ one-stop-shop fejn l-għaqdiet volontarji ikunu moqdija b’diversi faċilitajiet u riżorsi, fosthom kamra għall-konferenza u ġnien.
Iċ-ċentru huwa disponibbli 24 siegħa kuljum b’sistema online fejn l-għaqdiet volontarji jistgħu jibbukkjaw l-użu tal-binja.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li jħares ’il quddiem għal aktar xogħol partikolarment fis-settur tal-volontarjat.
“Qed iseħħ sabiex proprju l-NGOs Għawdxin ikollhom ċentru minn fejn jistgħu joperaw b’mod komdu, li jistgħu jaqdu l-esiġenzi tagħhom, kif ukoll l-esiġenzi tal-pubbliku. Għaldaqstant, inħares ’il quddiem għal aktar xogħol b’mod partikolari wkoll fejn jidħol dan il-qasam hekk importanti għal din il-gżira.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jestendi aktar għajnuna lill-għaqdiet volontarji b’mod aċċessibli.
“Din hija turija b’saħħitha ta’ fiduċja fl-għaqdiet volontarji kollha f’pajjiżna, b’mod partikolari fil-gżira Għawdxija, fejn qed nibagħtu l-messaġġ b’saħħtu li l-għaqdiet volontarji verament għandhom dawk l-ispazji fejn jistgħu jiltaqgħu u jkomplu bl-operat tagħhom.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandolo u d-Direttur tad-Diviżjoni tal-Operat fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar Joyce Farrugia.
Dan l-uffiċċju se jilqa’ fi ħdanu wkoll l-operat tas-Servizzi Ewropej f’Malta u se jikkumplimenta tlieta oħra f’Malta, li jinsabu l-Belt, ir-Rabat u Birkirkara.