Iċ-Ċentru ta’ taħriġ bl-isem ta’ Level Academy kien inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo hekk kif dan iċ-ċentru għandu l-għan li jservi ta’ għajnuna kbira għal tfal u żgħażagħ li huma interessati jibdew karriera fis-settur tal-E-Sports u l-logħob tal-kompjuter.
Is-Sur Kevin Spiteri, il-kap eżekuttiv ta’ dan iċ-ċentru, esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-mod kif il-Gvern qed jagħti importanza kbira lis-setturi tal-E-Sports u l-logħob tal-kompjuter. Hu qal li din id-dedikazzjoni tal-Gvern lejn is-settur tkompli tħeġġeġ motivazzjoni sabiex tissaħħaħ il-missjoni taċ-ċentru li teduka iżjed tfal u ż-żgħażagħ dwar dawn il-logħob.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, is-Sur Ivan Filetti saħaq li, “l-edukazzjoni hija dejjem pedament u l-għanijiet stabbiliti minn Level Academy huma riflessi fil-viżjoni tal-Gvern, dik li nagħmlu minn Malta ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tal-gaming.” Huwa stqarr li hija għal din ir-raġuni li rridu nkomplu nħeġġu aktar studenti biex jaraw il-logħob tal-kompjuter bħala karriera.
Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo spjega li llum il-ġurnata l-industrija tal-logħob hija kkunsidrata waħda mill-pilastri tal-ekonomija Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Bartolo stqarr li kapaċi noħolqu dik li qed insejħulha ‘knowledge-based economy‘ fejn l-ekonomija tagħna tkun magħmula minn setturi diġitali biex b’hekk il-logħob diġitali ma jibqax jitqies bħala passatemp iżda bl-għajnuna tal-professjonisti nibdew inħarsu lejn dan il-logħob bħala karriera li minnu tista’ taqla’ għejxien.