F’Ħal Tarxien ġie inawgurat bini li se jospità librerija pubblika u ċentru ta’ tagħlim għall-komunità li sar permezz ta’ fondi min-Norveġja.
Wara ħidma intensiva ta’ sentejn biex jiġu akkwistati l-fondi u jiġi riġenerat il-bini, ġie nnutat l-istat t’abbandun li kien fih qabel, u kif issa se jitgawda mill-komunità.
Is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea sostna kif huwa sodisfatt li issa l-ħidma tal-Kunsill tista’ titgawda mit-Tarxiniżi.
Huwa spjega kif dan kien possibbli permezz ta’ skema Ewropea. “Dal fondi min-Norveġja, ħarġu skema u applikajna għalihom bħala kunsill lokali, ikkwalifikajna u komplejna naħdmu biex dawn l-affarjiet iġibu r-riżultati tal-lum.”
Intant, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela stqarr kif permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej qiegħdin igawdu l-komunitajiet Maltin, u spjega li l-ħidma tal-aġenzija, Servizzi Ewropej Maltin, tagħmel dawn it-tip ta’ proġetti aktar possibbli.
Għalhekk huwa appella lill-kunsilli lokali oħra sabiex jagħmlu użu mis-servizzi tal-aġenzija. “Inħeġġeġ lill-kunsilli lokali li jersqu ‘l quddiem anke għand l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta biex jgħinuhom jiksbu fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea ħalli b’hekk il-fondi mhux biss jibqgħu fuq livell nazzjonali, u nfakkar li pajjiżna akkwista l-akbar numru ta’ fondi għal dawn is-seba’ snin li ninsabu fihom, imma huwa mportanti wkoll li jkollok numru ta’ fondi li jinżlu fil-komunitajiet tagħna għall-benefiċċju tal-komunità.”
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Gvernijiet Lokali, Josè Herrera, li qal kif huwa kuntent bix-xogħol u l-grinta li juri l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien.
Huwa tenna li dan huwa eżempju ta’ kif kunsilli lokali jistgħu jagħmlu d-differenza fil-komunitajiet Maltin.