Infetaħ uffiċjalment ċentru ta’ matul il-jum ieħor għal persuni b’diżabilità f’Baħar iċ-Ċagħaq.
B’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro, dan huwa l-11 –il ċentru tal-Aġenzija Sapport f’Malta u f’Għawdex u l-ewwel wieħed fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
F’dan iċ-ċentru, żgħażagħ b’diżabilità ta’ bejn il-21 u l-24 sena minn Malta kollha qegħdin jingħataw l-opportunità biex itejjbu l-abbilitajiet tagħhom u jiżviluppaw ħiliet ġodda bl-għajnuna personalizzata u riżorsi meħtieġa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li l-istruttura taċ-Ċentru hi aċċessibbli fuq diversi livelli, b’binja moderna b’faċilitajiet li jagħtu esperjenza iktar wiesgħa lil dawn il-persuni.
Hija spjegat: “Aħna naraw il-programm li jkunu jixtiequ huma. Min jintefa’ fuq mużika, min jintefa’ fuq ħjata, min jintefa’ fuq beauty, min jintefa’ fuq tisjir. Apparti hekk ikollna sessjonijiet fuq emozzjonijiet biex jesprimu lilhom infushom kif qed iħossuhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis spjega kif għal din is-sena l-Gvern qed jinvesti €30 miljun fis-settur tad-diżabilità fosthom biex jippromovi għixien indipendenti.
Spjega wkoll li twettqet wegħda elettorali li jinfetaħ ċentru ta’ matul il-jum fin-naħa ta’ fuq ta’ pajjiżna.
L-Onor. Agius Decelis sostna: “17-il żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-21 u l-24 sena se jkunu jistgħu jiġu hawnhekk biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-abilitajiet tagħhom ħalli jilqgħu għall-isfidi tal-ħajja tagħna b’mod iktar komplut. Dan hu l-iskop tagħna li niżviluppaw l-abilitajiet ta’ kull indiviwdwu biex jilqa’ l-isfidi li toffri l-ħajja ta’ kuljum.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fakkar kif bdiet titwettaq wegħda elettorali importanti li persuni b’diżabilità severa li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jibdew jirċievu l-ekwivalenti tal-paga minima filwaqt li l-Gvern wessa l-indiċi ta’ kif titkejjel id-diżabilità biex jintlaħqu iżjed nies vulnerabbli.
Dr Falzona stqarr: “Qed nitkellmu fuq impenn ta’ Gvern li verament għandu ruħ soċjali u jixtieq li kull settur jingħata l-importanza li jixraqlu. Pereżempju din is-sena għandek vot rekord ta’ €30 miljun għal dan is-settur.”
Il-Ministru Michael Falzon fisser li jħares ‘il quddiem għal inizjattivi oħra b’ruħ soċjali li jkomplu jolqtu b’mod pożittiv il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.