B’investiment ta’ €300,000, il-kumpanija World Pro Racing, inawgurat faċilità state of the art għall-iżvilupp, taħriġ u divertiment ta’ Sim Racing.
Dan tħabbar f’konferenza ta’ inawgurazzjoni ġewwa Montekristo Estate fejn tinsab din il-faċilità hekk kif dan issa għandu l-għan li jipprovdi opportunitajiet lil żgħażagħ u studenti jibnu l-ħiliet diġitali tagħhom f’ambjent virtwali li eventwalment iwassal għall-possibbiltà ta’ karriera fl-esports.
Il-faċilità hija magħmula minn 17-il simulatur flimkien mal-faċilitajiet kollha meħtieġa għall-aġġudikazzjoni u d-direzzjoni tat-tiġrijiet kemm online u offline, kamra tat-telemetrija, il-faċilitajiet kollha meħtieġa għax-xandir, li jinkludi wkoll studio li jakkomoda fosthom kummentaturi tat-tiġrijiet u kif ukoll jilqa’ l-preżentazzjoni ta’ programmi informattivi u edukattivi.
Dwar dan u aktar ONE News tkellem mal-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ World Pro Racing Justin Mifsud.
Huwa qalilna: “Il-faċilità se taċċetta u tilqa’ lil kulħadd. Jistgħu jiġu nies jieħdu pjaċir isuqu, dan huwa ffukat fuq simulazzjoni. Din mhux logħba li ma tagħmilx sens bħala sewqan. Aħna hawnhekk inwasslu nies li jitilgħu fil-motorsport. Nies kif qed taraw warajna għaddejjin bil-karting u li qed isuqu fl-RF Track li bnejna aħna.”
Tkellimna wkoll ma’ atleta tal-esports, Sheldon Scott Muscat hekk kif spjegalna l-benefiċċju ta’ faċilità state of the art bħal din.
Huwa stqarr magħna: “Bħala go karting driver hawn Malta minflok imur jittrenja fit-track, jiġi hawnhekk ikun jista’ jittrenja hawnhekk kemm irid, inaqqas il-ħinijet tiegħu mbagħad imur fuq it-track u jerġa’ jagħmel l-istess. Jiġifieri dan simulator u bażikament l-inputs li qed nitfa’ jien hawnhekk, tkun tista’ titfagħhom fil-karozzi, fil-go-karts ta’ veru fuq it-track. Daqsekk huwa realistiku.”
L-inawgurazzjoni saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u l-Kap tal-Operat ta’ Gaming Malta, is-Sur Ivan Filletti.
Il-Ministru Schembri filwaqt li esprima s-sodisfazzjon għal faċilità bħal din li se tkompli tistabbilixxi lil Malta bħala destinazzjoni tal-esports, tenna li l-faċilità se tħaffef l-isforzi tal-Gvern biex jgħin jattira dawk il-partijiet internazzjonali interessati fl-esports lejn Malta.
Dan hekk kif din l-istess faċilità mhux biss tkun disponibbli għall-komunità tal-esports lokali iżda wkoll għal timijiet barranin, mhux biss bħala kamp ta’ taħriġ iżda wkoll għall-bootcamps tagħhom.