Ġie inawgurat ċentru ġdid għas-suġġetti S.T.E.A.M. fil-Kulleġġ Maria Reġina, Primarja San Pawl il-Baħar, li huwa attrezzat b’apparat u bir-riżorsi kollha meħtieġa biex l-istudenti jingħataw edukazzjoni hands-on fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika.
Dan iċ-ċentru, li ġie inawgurat f’konferenza oħra bit-tena ‘Inwettqu Flimkien’, mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, sar b’fondi mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, amministrat minn Komunità Malta.
Waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru Clifton Grima spjega kif fis-sistema edukattiva qed tingħata importanza lis-suġġetti S.T.E.A.M., li huma suġġetti mhux biss importanti, imma huma l-bażi ta’ karrieri diversi.
Qal, “Investiment li sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, li permezz tiegħu t-tfal tagħna għandhom esperjenza hands-on, fejn jitgħallmu b’mod kostruttiv, fejn jesperjenzaw diversi aspetti li jgħinuhom anke fit-twettiq ta’ dak li huwa l-kurrikulu nazzjonali għal uliedna.
Il-Ministru Grima stieden ukoll lill-edukaturi kollha sabiex jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet li se jsiru magħhom biex titfassal l-Istrateġija għall-Edukazzjoni 2024-2030.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li fl-aħħar sentejn l-aġenzija Komunità Malta tat fondi għal diversi inizjattivi soċjali u edukattivi b’total ta’ aktar minn żewġ miljun ewro.
Qal, “Kommessi li bħala komunità Malta u anke bħala Gvern li se nibqgħu nwettqu u ninvestu f’inizjattivi bħal dawn għax verament igawdu minnhom l-istudenti tagħna.”