Fir-Rabat, twettqet wegħda elettorali oħra mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, hekk kif ġie inawgurat it-tielet one-stop-shop għall-għaqdiet volontarji, li se jingħaqad ma’ dawk fil-Belt u Birkirkara biex iservu bħala punt ta’ referenza għal dawn l-għaqdiet.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jiftaħ ċentru ieħor fix-Xewkija Għawdex, filwaqt li kif imħabbar fil-baġit għas-sena d-dieħla, se jiftaħ ukoll ċentru fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Dawn iċ-ċentri joperaw bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, fi ħdan il-Ministeru għall-Għaqdiet Volontarji.
F’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema “Malta Ġusta”, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, li hi responsabbli mis-settur volontarju, semmiet kif komplew jiżdiedu l-iskemi għall-aċċess tal-fondi.
Tul din is-sena, tqassmu kważi miljun u nofs ewro f’fondi, filwaqt li kif imħabbar fil-baġit, ġew allokati ftit aktar minn żewġ miljun ewro għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru tkellmet dwar inċentiv ġdid imħabbar fil-baġit, li bih l-ażjendi li jagħtu donazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju tal-Volontarjat se jingħataw kreditu ta’ taxxa fuq donazzjonijiet sa massimu ta’ ħames mitt ewro.
Qalet, “Tax credit għal massimu ta’ €500, għal dawk l-azjendi privati li jgħinu NGOs. L-NGOs li qegħdin nitkellmu dwarhom, dawk fid-drittijiet tal-annimali, l-ambjent, kif ukoll fis-soċjal. Qed nikkalkulaw li permezz ta’ din il-miżura waħedha, se jibbenefikaw mal-290 għaqda volontarja.”
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Gertrude Buttigieg, ħeġġet lill-għaqdiet biex jagħmlu kuntatt mal-Kunsill, biex jaraw x’għajnuna jikkwalifikaw għaliha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, Mauro Pace Parascandalo, qal li b’dawn iċ-ċentri, il-Kunsill se jkun jista’ jiltaqa’ regolarment mal-għaqdiet biex jiġu pprovduti bl-għajnuna meħtieġa fil-qalba tal-komunità stess.
Dan iċ-Ċentru fir-Rabat se jkompli jsaħħaħ ukoll is-servizz ta’ numru ta’ kmamar mgħammra b’mezzi teknoloġiċi, fejn l-għaqdiet jistgħu jtellgħu laqgħat u attivitajiet.