B’investiment ta’ sitt mitt elf ewro, ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġie inawgurat ċentru mediku li se jkun qed itejjeb il-kura tas-saħħa ġewwa din il-faċilità.
Fost il-faċilitajiet li hemm ġewwa dan iċ-ċentru mediku hemm kamra għat-tindif ta’ feriti, żewġ ċelel fejn joqogħdu l-priġunieri meta jkunu għall-kura, kamra tad-dentristija, laboratorju, psikjatrija u apparat tal-AEDs, fost oħrajn.
Dan iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fejn semma kif dan l-investiment huwa kullana ta’ proġetti mill-Gvern għar-rijabilitazzjoni ta’ priġunieri li jgħixu f’din il-faċilità.
Qal kif bħala soċjetà trid issir ġustizzja mal-vittmi u rijabilitazzjoni lill-priġunieri.
Qal kif, “Wara li l-aġenzija għas-servizzi korrettivi ġabet ordni u dixxiplina ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kien imiss illi nagħmlu l-pass li jmiss favur aktar rijabilitazzjoni u anke aktar saħħa medika lir-residenti ta’ din il-faċilità.”
It-tabib tal-ħabs Christopher Cremona spjega kif matul din l-aħħar sena kien hemm ħidma biex ikun hemm faċilitajiet tal-ogħla livell.
Huwa qal kif il-priġunieri li ttieħdu għall-kura mill-ħabs naqset b’elf u mitejn talba, filwaqt li tnaqqas il-methadone li jingħata lil xi priġunieri. Dan hekk kif is-sena l-oħra kienu jingħataw tliet litri kuljum, filwaqt li din is-sena qed jingħata madwar litru methadone.
Cremona qal kif fl-aħħar għaxart ijiem tlaqqmu aktar minn disgħin fil-mija tal-priġunieri u l-ħaddiema tal-Faċilità ħadu l-ewwel tilqima kontra l-Covid-19.
Spjega, “Kienet ta’ bżonn kbir biex inkomplu ntejbu s-servizz li qed nipprovdu bl-aspett uman ukoll. Inkomplu ntejbu s-servizz min naħa tad-dentistrija, tal-psikjatrija, tal-podjatrija u mill-apsett mediku wkoll. In-numri ġol-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jiżdiedu vis-à-vis il-priġunieri u importanti li aħna dan is-servizz inkomplu ntejbuh u nkomplu nagħtu l-aħjar kura possibli minkejja kollox, minkejja ċ-challenges li aħna naffaċjaw ta’ kuljum.”
F’diskors qasir, id-Direttur tal-Ħabs il-Kurunell Alexander Dalli rringrazzja l-grupp ta’ priġunieri li ħadmu fuq maġġoranza tax-xogħol sabiex dan iċ-ċentru sar possibli.
Intant waqt li kien qed jieħu mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Byron Camilleri qal kif mill-bidu ta’ din is-sena sa issa nħarġu madwar elfejn u tliet mitt taħrika dwar ksur ta’ restrizzjonijiet tal-Covid-19, mill-uffiċjali tal-Pulizija u tal-LESA.