It-tmint elef u ħames mitt persuna li jgħixu f’Ħal Tarxien se jibdew igawdu minn seba’ servizzi f’ċentru komunitarju tas-saħħa ġdid fi Triq il-Karmnu f’Ħal Tarxien.
Dan iċ-ċentru ġie inawgurat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat fid-dawl li x-xogħol fuq din il-berġa sar b’fondi mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.
Is-servizzi offruti f’din il-berġa huma dawk tradizzjonali ta’ tabib u infermiera, flimkien ma’ dawk speċjalizzati ta’ podjatrija, fiżjoterapija, speech and language pathology, nutritionist għal pariri fuq id-dieta u flebotomija għat-teħid tad-demm.
Biex dan kien possibbli, il-ħidma ma waqfet xejn anki tul pandemija.
Qal, “Il-fatt li rnexxielna nikkontrollaw il-pandemija b’mod daqshekk tajjeb kien tajjeb għall-pazjenti tal-Covid, kien tajjeb għall-ekonomija, kien tajjeb ukoll għall-kumplament taċ-ċittadini li kellhom kundizzjonijiet oħra li komplejna nżommu l-kura tagħhom u kien proprju għalhekk li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li Malta kienet possibilment l-aqwa pajjiż li tratta l-Covid tant li ftit tal-ġranet ilu kien hawn id-Deputy tal-WHO tal-Ewropa li ra b’għajnejh u baqa’ impressjonat bil-livell ta’ kura li qed nagħtu anki f’pandemija.”
Mindu sar il-ftehim mal-NDSF fl-elfejn u dsatax, infetħu sbatax-il klinika madwar il-pajjiż.
Fil-jiem li ġejjin se tinfetaħ il-berġa fil-periferija bejn il-Ħamrun u l-Marsa, filwaqt li x-xogħol jinsab avvanzat fil-bereġ f’Ta’ Giorni, f’tas-Siġġiewi, f’ta’ Birżebbuġa u oħrajn f’Għawdex.
Qal, “Investejna għaxar miljuni mill-NDSF biex inkomplu noffru dawn is-servizzi. Flus li mhux ġejjin mit-taxpayer Malti. Dan huwa kollu frott investiment barrani dirett u hemmhekk turi l-ħeġġa li għandna biex intejbu s-servizzi tas-saħħa fil-komunitajiet tagħna biex dak li jkun jingħata servizzi ġodda litteralment qrib id-dar tiegħu għax dan huwa Gvern li jinvesti kemm jiflaħ fis-saħħa tal-poplu Malti kollu.”
Is-servizzi fiċ-ċentru komunitarju tas-saħħa ta’ Ħal Tarxien se jibdew jingħataw mill-ġimgħa d-dieħla u r-residenti se jirċievu d-dettalji fi djarhom dwar kif jistgħu jaċċessawhom.