12,000 resident fl-inħawi tal-Fgura issa jistgħu jinqdew f’ċentru komunitarju tas-saħħa ġdid b’numru ta’ servizzi differenti.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne l-Ħamis filgħodu fl-inawgurazzjoni ta’ din il-berġa ġdida, li hija biss ħolqa minn kullana ta’ proġetti bl-għan aħħari li l-kura f’pajjiżna ssir aktar ċentralizzata.
Dan sabiex anke l-poplu kemm jista’ jkun jingħata l-kura barra mill-isptar biex b’hekk l-isptar stess ikun jista’ jaħdem b’aktar kumdità u effiċċjenza.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega: “Il-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa ilhom għal dawn l-aħħar sentejn jaħdmu fuq proġett biex ġo kull belt u raħal ġo Għawdex u Malta jkollna Ċentru tas-Saħħa komunitarju, dik li qabel konna ngħidulha berġa li hija moderna u li tagħti servizzi lir-residenti tal-inħawi.”
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li ss-servizzi li ser jiġu offruti mhumiex biss dawk ta’ tabib u infermiera, iżda huma wkoll servizzi tal-Podjatrija, Fiżjoterapija, Speech and Language Pathology u servizz ta’ kura għas-saħħa mentali.
Dan bħala parti mill-istrateġija ġdida għas-saħħa mentali li nieda l-Gvern sas-sena 2030.
Intant f’kumment separat lill-ġuranlisti, id-Deputat Prim Ministru spjega kif it-tieni konsenja tal-vaċċin qed ikun stmat li ser tasal wara 4 xhur.
Huwa qal: “L-ewwel li ser ikunu qed jitlaqqmu huma l-front liners li qed jagħtu servizz li huwa f’kuntatt ma pazjenti Covid u kif ukoll in-nies li huma l-aktar vulnerabbli li l-aktar li jekk taqbadhom il-Covid ikollhom konsegwenzi serji. Eventwalment inkunu qegħdinnofruha mingħajr ħlas liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin. Il-perjodu ta’ bejn l-ewwel u t-tieni batch huwa stmat ta’ bejn 4 u 6 xhur.”
Dwar xi xettiċiżmu fuq il-vaċċin id-Deputat Prim Ministru qal li huwa biss wara li jkunu saru t-testijiet kollha neċessarji li l-vaċċin isir disponibbli għall-pubbliku.