Fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, ta’ Raħal Ġdid, ġie inawgurat uffiċjalment iċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi, fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-istess kulleġġ.
Dan iċ-ċentru se joffri firxa wiesgħa ta’ programmi marittimi f’livelli ta’ kwalifiki differenti li jappoġġjaw it-talbiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali fl-industrija marittima.
Huwa mgħammar b’simulaturi, għodda u apparat meħtieġ, inkluż tal-ewwel għajnuna u tagħmir għall-ilbies għall-eżerċiżzzji ta’ emerġenza u dgħajsa tas-salvataġġ.
F’dan iċ-ċentru qed isegwu kors madwar sittin student full-time.
Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja spjega kif dan iċ-ċentru joffri kwalifiki li huma rikonoxxuti b’mod internazzjonali.
Qal, “Dan huwa settur li qed jikber, aħna bħala bandiera kif nafu għandna waħda mill-ewlenin fid-dinja u allura l-opportunitajiet ta’ xogħol għal dawn l-istudenti huwa għoli ħafna. Jien nappella lill-ġenituri u dawk it-tfal li għadhom fl-iskejjel sekondarji biex jiġu hawnhekk jaraw it-tip ta’ attivita li f’dan iċ-ċentru marritimu u jiġu l-MCAST wara li jispiċċaw l-iskola sekondarja.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, li qal li faċilitajiet avvanzati jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim relevanti għall-industrija f’diversi setturi.
Qal, “Qegħdin noffru opportunitajiet uniċi lill-istudenti tagħna sabiex jiksbu l-ħiliet tagħhom, permezz ta’ apparat u anki għodda li huma tal-ogħla u tal-aħħar mudelli li hawn fis-swieq internazzjonali.”