Fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul infetaħ ‘Silver Hub’, ċentru għall-anzjani f’ambjent soċjali ta’ klabb. B’investiment ta’ €200,000 ġie rranġat dak li kien maħżen għall-affarijiet li żmienhom għamluh sew. Dan iċ-ċentru, l-ewwel tax-xorti tiegħu jinsab f’atmosfera nadifa u tiżwiqa ta’ kuluri. F’dan iċ-ċentru se jkun hemm programm t’attivitajiet għal kull resident, inkluż dawk b’ dipendenza fuq ħaddieħor. Fil-fatt tim ta’ infermiera se jkunu qed jikkumplimentaw il-ħaddiema li jagħmlu parti mid-dipartiment tal-anzjanità attiva.
F’indirizz li għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva rrimarka li permezz tas-surplus nistgħu nonfqu u ninvestu wkoll fl-anzjani.
“€20,000 qegħdin jiġu provduti lilna mill-Gvern ċentrali għaliex għandna s-surplus u dawn il-flus, kull sold minnhom, kull euro minnhom inbierkuhom imma qegħdin nagħmlu hekk għaliex jimpurtana li l-anzjani tagħna jkollhom kwalità għolja ta’ ħajja, ikunu jgħixu fejn qegħdin jgħixu.”
Fost l-attivitajiet se jkun hemm snajja’, sessjonijiet ta’ qari tal-kotba, drama, kura tal-pjanti u użu tal-informatika.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul Dr. Josianne Cutajar spjegat kif dan huwa investiment biex l-anzjani tagħna jkomplu jitgħallmu u jiżviluppaw id-delizzji tagħhom:
“U ħa jkollhom programm mimli li fih ħa jkomplu jitgħallmu allavolja fl-età tagħhom, jibqgħu jitgħallmu ħalli jkomplu jżidu xi crafts, xi delizzji tagħhom u jużaw l-informatika u naraw li nimlewlhom ħajjithom kemm jista’ jkun waqt li jkomplu jgħixu magħna.”