Ġie inawgurat iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa fir-Rabat f’Għawdex fejn minn għada stess se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu biex jibda joffri s-servizzi tiegħu lill-ewwel pazjenti.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, fejn spjegaw kif dan il-proġett kien ta’ prijoritá biex proprju jissaħħaħ dan il-qasam fil-gżira Għawdxija.
Illum inawgurajna Ċentru tas-#Saħħa ġdid u modern fir-Rabat, #Għawdex. Servizz ta’ eċċellenza fil-komunità. @Clint_Camilleri pic.twitter.com/Azd0Szf8si
— Chris Fearne (@chrisfearne) November 20, 2023
Dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkun mqabbad mas-sistema diġitali li ġiet implimentata ftit ilu fejn kull pazjent, ikun jista’ jagħmel użu minn kwalinkwe ċentru tas-saħħa filwaqt id-dettalji tiegħu jkunu jistgħu jiġu aċċessati mis-sistema diġitali.
Fid-diskors tiegħu spjega kif f’dawn l-aħħar snin inħass il-bżonn li jkun hemm ċentru tas-saħħa ġdid li se jkun qed joffri servizzi, ‘il fuq minn ħdax-il servizz ġdid, fost oħrajn servizz ta’ tabib u servizz ta’ infermiera, servizz ta’ kamra tat-trattamenti, tilqim u servizzi ta’ speċjalitajiet. Qal kif se jkunu qed joffru ċentru tad-dijabete, servizz li għandu x’jaqsam mal-podjatrija, klinika għal persuni bid-Down Syndrome kif ukoll se jkunu qed jiftħu fil-ġimgħat li ġejjin GU Clinic f’Għawdex stess biex b’hekk ikomplu jkabbru s-servizzi f’Għawdex.
Fearne qal kif l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tisħaq fuq prinċipju ewlieni li jissejjaħ kura tas-saħħa aċċessibbli għal kulħadd. Spjega kif filwaqt li Malta wieħed jieħu dan il-prinċipju ‘for granted’, iżda madwar id-dinja mhux il-każ.
Qal kif il-WHO tistma li ‘l fuq minn tliet biljun ruħ m’għandhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa li huma ta’ kwalitá filwaqt li f’pajjiżna għal numru ta’ snin ngawdu minn provvista tas-servizz tas-saħħa li hu tajjeb u tul dawn l-aħħar snin nistgħu ngħidu li hu eċċellenti, iżda dan ma jfissirx li nieqfu hawn fejn tenna l-impenn ta’ dan il-Gvern li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam.
Ħeġġeġ lil kulħadd biex jitlaqqam kontra l-influwenza hekk kif hu prevvist li din is-sena, l-agħar żmien tal-influwenza, mistenni jkun f’Diċembru u f’Jannar hekk kif anke hu mistenni li jkun hemm każijiet ta’ COVID.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, spjega kif dan iċ-ċentru jinsab f’żona li hi meqjusa aċċessibbli minn diversi naħat u għalekk wieħed jista’ jilħqu f’qasir żmien.
Sostna kif f’dan iċ-ċentru se jkunu offruti servizzi li s’issa kienu biss possibbli fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u għalekk huwa ta’ pjaċir li ġie inawgurat ċentru tas-saħħa ġdid u mistħoqq fil-gżira Għawdxija.