Hekk kif tul dawn is-snin il-Gvern ħadem biex jitqajjem aktar għarfien dwar il-konservazzjoni tal-ilma, illum ġie inawgurat iċ-ċentru ‘Għajn’. Ċentru ta’ għarfien dwar il-konservazzjoni tal-ilma fir-Rabat u limiti tal-Imtarfa.
Dan hu ċentru li sar permezz ta’ fondi Ewropej u li diġà kien nominat, u rebaħ, il-kategorija ta’ miżuri għall-konservazzjoni tal-ilma fil-konkors internazzjonali ‘Greening the Islands’.
Bl-iżvilupp ta’ dan iċ-Ċentru se jkun qed jingħata spazju rikreattiv lill-komunità tan-Nigret fejn iż-żoni ta’ madwar iċ-Ċentru jinkludu numru ta’ faċilitajiet rikreattivi li se jkunu miftuħin għall-pubbliku.
Iċ-Ċentru ġie integrat fil-housing estate tan-Nigret, b’aċċess dirett mill-housing estate stess.
Id-disinn ta’ dan iċ-Ċentru jinkludi diversi fatturi li jgħinu sabiex iċ-Ċentru jkun binja ambjentalment sostenibbli.
Il-binja tinkludi ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita, fejn l-ilma li jinħażen ikun jista’ jintuża fiċ-Ċentru stess għat-tisqija tal-pjanti; tinkludi wkoll numru sabiħ ta’ siġar indiġeni bil-għan li jsebbħu l-ambjent u wkoll panneli fotovoltajiċi sabiex iċ-Ċentru jagħmel użu minn energija sostenibbli provduta mix-xemx.
Intqal kif il-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru huwa biss il-bidu ta’ proġetti ohra li se jkunu qed jigu mwettqa mill-Gvern f’dawn l-inħawi fis-snin li ġejjin.