B’investiment qawwi ta’ madwar miljun u nofs ewro, ġiet inawgurata binja state-of-the-art f’Ħal Qormi li se tkun qed topera bħala ċentru tat-taħriġ għal ħaddiema mediċi.
Dan l-investiment, li qed isir bejn il-Malta Union of Midwives and Nurse, l-MUMN, u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, se jkun qed jilqa’ lil madwar erbat elef professjonist mediku għat-taħriġ.
Din hu r-raba’ ċentru tax-xorta tiegħu li qed tiftaħ l-MUMN, bil-President tagħha, Paul Pace, jisħaq li din hi ġurnata storika għall-unjin b’din l-aħħar inawgurazzjoni ta’ binja, li hi mgħammra wkoll b’sala għall-konferenzi.
Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna kemm hu ta’ privileġġ li, fis-soċjetà tagħna, ilkoll flimkien ngħinu lill-batut u din l-inawgurazzjoni, li ħabtet proprju fil-ġimgħa ddedikata għall-ħarsien tas-saħħa mentali, turi impenn kontinwu fis-settur mediku min-naħa tal-Gvern Laburista.
“Il-Gvern innifsu hu kommess li jgħin f’dan il-qasam. Hawnhekk illum qed nuru li, bejn il-Gvern u l-MUMN, l-unjin tal-infermieri u l-qwiebel, hemm intiża sħiħa. Erbat elef u mitejn professjonist, li 30 persuna kull ġimgħa ħa jkunu jirċievu tagħlim u sapport dwar is-saħħa mentali.”