Inawgurat Ċentru għall-Familja fil-Komunità f’Marsalforn, Għawdex, liema ċentru se jservi biex jilqa’ nies li għandhom bżonn xi tip ta’ għajnuna soċjali.
Dan iċ-ċentru ġie inawgurat il-Ġimgħa filgħodu fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) se tkun qed tieħu ħsieb l-operat ta’ dan iċ-ċentru li se jkun qed jikkumplimenta ċentri oħra li diġà hemm f’Għawdex.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li hemm bżonn li nkomplu nsaħħu s-servizzi soċjali, biex jilqgħu għad-domanda u r-realtajiet tas-soċjetà tal-lum. Għalhekk, dan iċ-ċentru se jkun qed isaħħaħ il-ħidma soċjali f’Għawdex.
Dan iċ-ċentru, li ser ikun mgħammar bi profesjonisti fil-qasam, ser ikun qed jaqdi funzjoni importanti fil-lokalità ta’ Marsalforn, f’post li tul is-snin biddel il-karatteristika tiegħu. Il-Ministru Caruana appellat għas-sensittività u l-ħarsien tal-privatezza tal-persuni li ser ikunu qed jirrikorru għal kull tip ta’ assistenza f’dan iċ-ċentru.
Il-Ministru Caruana kkonkludiet li dan il-proġett hu wieħed importanti għal Għawdex u hu xhieda li dan il-Gvern għandu ruħ soċjali u li żgur ser ikun qed jagħmel differenza.
Id-Direttur tal-fergħa tal-FSWS f’Għawdex, il-Monsinjur Dr Joe Vella Gauci u l-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti kellhom messaġġ komuni li permezz ta’ dan il-post, il-komunità ta’ Marsalforn ser ikollha aktar aċċessibilità għas-servizzi soċjali provduti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, kif ukoll ser ikun strumentali fl-inklużjoni soċjali. Hu stieden lill-membri tas-Soċjetà Civili ħalli flimkien mal-istaffprofessjonali jagħtu s-sehem tagħhom fit-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru.