Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli inawgurat ċentru edukattiv ġdid fil-lokalità tax-Xgħajra. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li joffri tagħlim bla ħlas lil tfal li għandhom bżonn għajnuna addizzjonali sabiex jimxu aktar ‘il quddiem fl-istudji tagħhom. Dan iċ-ċentru twaqqaf mill-kunsill lokali tax-Xgħajra fuq l-inizjattiva tal-kunsilliera responsabbli mid-dekasteru tal-edukazzjoni u t-tfal, is-sinjura Doris Borg, u bis-sostenn sħiħ tas-Sindku Neil Attard.
Dan iċ-ċentru edukattiv bl-isem “Alijoy Centre”, fil-qalba tal-komunità tax-Xgħajra, jinsab biswit il-librerija u jkun miftuħ kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Dan iċ-ċentru jilqa’ fih tfal li jattendu l-iskola primarja tal-istess lokalità. Is-Sinjura Borg, bħala eks għalliema, qed tagħti lezzjonijiet tal-privat u kif ukoll sessjonijiet tal-qari bla ħlas lit-tfal li jattendu.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret lill-kunsill lokali tax-Xgħajra talli għarfu u emmnu bis-sħiħ fil-potenzjal ta’ dan il-proġett. Hija qalet ukoll li “dan il-proġett huwa eżempju ieħor tal-potenzjal tal-kunsilli lokali u l-influwenza pożittiva tagħhom fil-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom.”
Kienu l-ħaddiema tal-kunsill lokali stess li għamlu xogħol ta’ manutenzjoni u ħolqu ambjent ta’ klassi tradizzjonali minn dak li qabel kien sempliċiment garaxx li kien jintuża mill-kunsill lokali bħala maħżen. Il-kunsill lokali tax-Xgħajra jkopri wkoll il-kirja ta’ dan il-post u ffinanzja l-imwejjed, is-siġġijiet, l-ixkaffar u kif ukoll żewġ kompjuters li jintużaw b’mod edukattiv mit-tfal.
Is-Sinjura Borg spjegat li dan il-proġett huwa l-frott ta’ sforz kollettiv, fejn anke r-residenti taw il-kontribut tagħhom permezz ta’ donazzjonijiet ta’ kotba. “Għalkemm l-għan ewlieni ta’ dan iċ-ċentru huwa l-aspett edukattiv, norganizzaw ukoll attivitajiet soċjo-kulturali u sportivi sabiex ngħinu wkoll fit-tkabbir tal-karattru ta’ dawn it-tfal” hija spjegat.
Fl-intervent tiegħu s-Sindku Neil Agius għamel referenza għall-iskemi ta’ finanzjament li joħorġu mid-Direttorat tal-Gvern Lokali u tenna kemm huma importanti għall-kunsilli lokali sabiex jitwettqu proġetti fil-lokalitajiet li jtejbu l-ħajja tar-residenti.
Preżenti kien hemm ukoll is-segretarju eżekuttiv is-Sur Ranier Busuttil u membri oħra tal-kunsill lokali.