Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi inawguraw uffiċjalment il-Quaint Boutique Hotel li tinsab fir-raħal pittoresk Ta’ Sannat. Din hi lukanda oħra fil-katina ta’ lukandi li Quaint Boutique Hotels qed jiftħu fil-pjazez ewlenin f’Għawdex. Il-lukanda f’ Ta’ Sannat tinkludi 13-il kamra waqt li komplessivament din il-katina ta’ proġetti se tkun qed iżżid 47-il akkomodazzjoni ġdida f’Għawdex. Apparti dan hemm il-ħsieb ukoll li fil-futur jiżdiedu 4 lukandi oħra simili.
Dan l-investiment privat jawgura tajjeb mal-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn in-numru ta’ nies li qattgħu iktar min lejl wiħed ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex żdied b’14,697 ikkumparat mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Il-Ministru għal Għawdex qalet kif l-għan tal-Gvern huwa li jkompli joħloq l-ambjent ġust sabiex dejjem ikompli jitkattar aktar investiment privat li jkun wieħed sostenibbli. Justyne Caruana semmiet l-inċentivi fisklai li ħabbar il-Gvern waqt l-aħħar budget li huma speċifikament immirati li jkomplu jassistu l-intraprenditur Għawdxin biex jinvestu u joħolqu aktar postijiet ta’ xogħol.
Il-Ministru Caruana semmiet ukoll il-ħidma li għaddejja biex l-infrastruttura fil-gżira tkompli titjieb u tikkumplimenta mal-investiment li qed isir mis-settur privat. Fost il-proġetti ambizzjużi, il-Ministru Caruana semmiet ir-riġenerazzjoni ta’ żewġ pjazez ewlenin u li se jibdew id-diskusjonijiet biex tiġi riġenerata wkoll l-pjazza tar-raħal Ta’ Sannat.
Il Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li fid-dawl taż-żieda fid-dħul ta’ turisti f’dawn l-aħħar snin, dan il-Gvern kommess li jkompli joffri prodott Malti ta’ kwalità sabiex inkomplu noffru esperjenzi pożittivi għat-turisti li jżuru pajjiżna. Investimenti simili jirriflettu l-ottimiżmu li hawn f’din l-industrija u jikkonfermaw li d-domanda qed tiżdied. Il-boutique hotels qegħdin jikbru fil-popolarità, u għalhekk il-Ministru awgura li jkun hemm aktar inizjattivi simili li jikkontribwixxu f’firxa aktar wiesgħa u diversifikata tal-prodott turistiku Malti.