Ġie inawgurat Bandli Miraħ iż-żgħażagħ li sar b’investiment ta’ €100,000. Dan il-proġett li jikkonsisti f’out door gym kif ukoll bandli sigur sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa bl-għajnuna tal-Gvern Ċentrali.
Il-Proġett kien jikkonsisti f’ embellishment ta’ spazju li qabel kien mitluq f’ambjent mill-isbaħ, miftuħ u sigur fejn it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu. Ġiet ukoll installata sistema ta’ kameras tas-sigurtà sabiex titnaqqas il-possibilta’ t’abbuż jew vandaliżmu f’ dawn il-bandli.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentarli Stefan Buontempo saħaq li dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fi spazji miftuħa ġewwa l-lokalitajiet tagħna, fejn it-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom kif ukoll l-anzjani jkollhom aktar postijiet fejn jirrilassaw.
“Dan huwa wieħed mill-ewwel proġetti li qed isiru permezz tal-fond ta’ miljun ewro għall-proġetti kapitali li tnieda aktar kmieni mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fejn sat-tmiem is-sena d-dieħla se jsiru mat-30 proġett li wkoll jikkonsistu fi spazji miftuħa għall-komunitajiet tagħna” qal Buontempo.
Fl-intervent tiegħu, is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri rringrazzja lill-Gvern Ċentrali għall- għajnuna sabiex dan il-proġett seta’ jsir u tenna li dan il-proġett kien wegħda oħra mwettqa mill-manifest elettorali tal-Kunsill Lokali. Huwa qal li l-Kunsill ħa ħsieb sabiex dan il-post ikun ukoll jista’ jitgawda minn persuni b’ diżabbiltà u talab lill-komunità sabiex tieħu ħsieb dan il-post bl-aqwa mod possibbli.
Tkellem ukoll il-Membru Parlamentari Silvio Schembri li kien bħala project leader għall-implimentazzjoni ta’ dan il- proġet ta’ fejda għall-lokalità ta’ Ħal Luqa.
Fl-aħħar tal-attività l-Kunsill Lokali qassam frott frisk lit-tfal kollha sabiex jippromwovi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha fost it-tfal. Għal din l-attività kien preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 għall-Fondi Ewropej Ian Borg.