B’investiment ta’ sebgħin elf ewro ġie inawgurat bandli f’Angela House fi Gwardamangia.
Il-fondi għal dan il-bandli ngħataw mill-Fond ta’ Ċittadinanza b’Investiment, bħala parti mir-rekweżiti ta’ dan il-programm fejn l-applikanti jiġu mħeġġa biex jagħtu kontribut addizzjonali bħala donazzjoni lejn entitajiet lokali tal-għażla tagħhom.
Is-soru tal-Ursolini Sister Magdalene Cauchi spjegat kif il-proġett huwa parti importanti għall-iżvilupp tat-tfal. Hija qalet li f’dan il-post ħa jkollhom l-opportunità li jilagħbu, jiddevertu u jgawdu l-ħin liberu.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli nnotat li kemm ilu jopera l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment saru aktar minn 550 donazzjoni mill-applikanti, b’valur li jiżboq it-€3.5 miljun.
Qalet li din l-inawgurazzjoni tesponi realtà li ftit jitkellmu dwarha: dik li l-ġid tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment ma jitkejjilx b’mod monetarju imma bil-wirt li qed iħalli warajh.
Huma 32 tifel u tifla ta’ bejn it-3 u 15-il sena li se jgawdu minn dawn il-faċilitajiet.