Is-sezzjoni għall-immaniġjar tal-widien fi ħdan Parks Malta hija responsabbli għal mija, tlieta u erbgħin wied f’pajjiżna u spiss tissieħeb ma’ kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi flimkien ma’ diversi entitajiet oħra biex tħares l-ambjent.
Fost oħrajn din tneħħi skart tal-kostruzzjoni u tiżgura li tikkontrolla speċi aljeni u invażivi filwaqt li tiirestawra ħitan tas-sejjieħ.
B’hekk jiġu preservati d-diversi speċi endemiċi li jqisu lil dawn il-widien bħala darhom u biex jinħoloq aktar għarfien dwar dan, tnediet il-kampanja ta’ Tindif tal-Widien.
Kien għalhekk li l-Ministru għas-Sostenibbilità Miriam Dalli ħadet sehem fi clean-up fejn fih inġabar ammont ta’ skart.
Hija qalet, “Wara li nkunu naddafna dawn il-widien ser niġu lura biex inħawlu aktar siġar ġodda. B’hekk nemmen li nkunu qed nagħmlu pass ieħor u ngħinu biex noħolqu bilanċ tant importanti.”
Matul din il-kampanja ta’ tindif estensiv huwa pjanat li jittellgħu minn tal-inqas tmien clean-ups f’diversi widaien u l-Ministeru qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti s-sehem tiegħu.