L-isptar Mater Dei kategorikament ċaħad l-istejjer bla ebda bażi ppubblikati jumejn in fila fil-gazzetta n-Nazzjon.
Din hija stqarrija mibgħuta lill-mezzi tax-xandir mill-Kap Eżekuttiv:
“Is-saħħa ta’ kull pazjent f’dan l-isptar hija ta’ importanza massima u kull ħaddiem f’dan l-isptar minn professur sa carer jaħdmu ta’ kuljum biex jassiguraw li kull pazjent jingħata l-aqwa kura possibbli. Dawn huma żminijiet li f’Mater Dei, kif jiġri ta’ kull sena, jkun hawn influss akbar ta’ pazjenti kemm minħabba l-influwenza u anke l-kesħa li qed tagħmel li jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-anzjani tagħna.
Madankollu fl-ebda ħin ma kien hemm direzzjoni, kif qed jiġi allegat, mill-amministrazzjoni li pazjenti li jkun għad fadlilhom bżonn kura akuta jintbagħtu d-dar. L-amministrazzjoni ta’ Mater Dei, minna rappreżentata, qed isserraħ ras il-pubbliku Malti illi d-deċiżjoni jekk pazjent jintbagħatx id-dar jew le hija deċiżjoni klinika meħuda mit-tobba u ħadd aktar.
Huwa inaċċettabbli li f’mument delikat għall-Isptar Mater Dei, ħaddiema ta’ dan l-isptar tiżdidilhom il-pressjoni bi stejjer fittizji. Huwa inaċċettabbli wkoll il-mod malizzjuż li permezz tiegħu, in-Nazzjon qed tipprova tallarma lil poplu, meta m’hemmx bżonn.
Il-Maniġment tal-Isptar Mater Dei jieħu din l-opportunità biex jirringrazzja lill-istaff kollu li qed jaħdmu bla heda biex joffru l-aqwa servizz lill-pazjenti tagħna anke taħt pressjoni kontinwa. Ukoll jappella lill-poplu Malti biex juża s-servizzi tas-saħħa b’responsibilità u jikkopera mal-professjonisti tagħna fil-kura tal-pazjenti.”