In-Nutar prinċipali tal-Gvern Dr Keith Francis German inħatar bħala n-Nutar Delegat tal-Atti kollha tan-Nutar Ivan Barbara, li miet hekk kif kien se jiġi Malta minn New Delhi fl-Indja wara li laqqat il-Coronavirus.
Fl-aħħar jiem ħarġu rapporti ta’ persuni li jinsabu mħassba wara li tħallew fil-limbu dwar flus li taw lin-Nutar Barbara dwar konvenji fuq propjetajiet.
B’effett mis-sittax t’Awwissu, l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern beda l-proċess sabiex jinġabru l-kuntratti u t-testmenti kollha li kien ippubblika n-Nutar Barbara biex dawn jiġu konservati fl-Arkivji Notarili.
Il-pubbliku huwa mgħarraf li n-Nutar Prinċipali tal-Gvern huwa responsabbli għaż-żamma ta’ dawn il-volumi u ma għandu l-ebda ġurisdizzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-flus li rċieva n-Nutar Barbara.
Dwar dan, il-klijenti jridu jfittxu ċivilment lin-Nutar Barbara.