Il-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna, fejn wieħed minn kull tliet adulti huma mlaqqma kontra l-Covid-19 u nuqqas fil-każijiet attivi tal-virus huma sinjali pożittivi fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Dan intqal mill-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri waqt il-bullettin tas-sebgħa u nofs ta’ ONE News.
Waqt il-bullettin ta’ ONE News, Dr Spiteri qal li dan id-dipartiment huwa riflessjoni tal-pajjiż. Qal kif hemm nuqqas ta’ każijiet u barra minn hekk qal kif dawk il-ftit li ħadu t-tilqima u qed jaqbadhom il-virus, l-effetti fuq persuni qed ikunu ħafna inqas minn dawk li jkunu għadhom ma ħadux it-tilqima.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza kompla jgħid kif ir-restrizzjonijiet li ddaħħlu mill-awtoritajiet tas-saħħa urew riżultati pożittivi ħafna.
Dwar l-aħħar miżuri li ddaħħlu għal żmien l-Għid, Dr Michael Spiteri qal kif bħala pajjiż għamilna ħafna hekk kif kien hemm ħidma ma taqta xejn, iżda qal li importanti li nibqgħu kawtela hekk kif il-virus għad fadallu x’joffri.
Waqt din l-intervista waqt il-bullettin ta’ ONE News, Dr Spiteri appella sabiex kulħadd jibqa jsegwi l-miżuri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa.