F’Mejju li għadda, għaddew 554,820 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan ifisser li għat-tieni xahar konsekuttiv it-traffiku fl-istess ajruport qabeż in-nofs miljun passiġġier.
Jixhdu dan ċifri ppubblikati mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u li juru rkupru ta’ aktar minn 82% taċ-ċifri ta’ traffiku rreġistrati qabel il-pandemija.
L-Ajruport qal ukoll li t-traffiku tal-passiġġieri rkupra b’mod parallel mal-irkupru ta’ aktar minn wieħed u tmenin fil-mija tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
F’Mejju li għadda 81.2% ta’ dawn il-postijiet kienu okkupati; żieda marġinali ta’ 1.1% fuq l-2019 biex b’hekk kompliet tiġi indikata domanda b’saħħitha għall-ivjaġġar.
Fl-istqarrija tiegħu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li dawn iċ-ċifri waslu wara li l-Awtoritajiet Maltin komplew jirrilassaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Dan filwaqt li l-maġġoranza tal-pajjiżi li lejhom hemm titjira diretta mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta issa neħħew għal kollox ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal passiġġieri li ġejjin minn pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ż-Żona Schengen.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta pprovda wkoll aġġornament dwar l-aqwa swieq tal-istess ajruport f’dan l-istess perjodu f’Mejju.
Fil-fatt, l-Italja baqgħet fil-quċċata tal-aktar swieq popolari u kkontribwixxiet aktar minn mija u wieħed u għoxrin elf passiġġier mit-total tal-passiġġieri f’Mejju. Isegwu hemm ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, u l-Polonja li wkoll żammew l-istess post bħal dak tax-xahar ta’ qabel.
Dan minkejja li l-irkupru ta’ rotot li jgħaqqdu lill-ajruport Malti ma’ tnejn mill-aktar swieq importanti għal pajjiżna, jiġifieri r-Renju Unit u l-Ġermanja, qiegħed iseħħ ħafna iktar bil-mod. Fil-fatt, qabel il-pandemija, ir-Renju Unit u l-Ġermanja kienu jokkupaw l-ewwel pożizzjoni u t-tielet pożizzjoni rispettivament fil-lista tal-aqwa swieq tal-ajruport.
Minkejja dan, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, irnexxielu jirkupra 80 fil-mija tal-konnessjonijiet li kellu qabel il-pandemija.