Fi Sri Lanka n-numru tal-mejta tela’ għal mitejn u disgħin persuna wara tmien splużjonijiet li seħħew fi tliet knejjes u f’erba’ lukandi.
L-għada tal-attakki mdemmija, il-pulizija komplew jarrestaw iżjed persuni u n-numru issa tela’ għal erbgħa u għoxrin persuna.
Il-pulizija sostniet li grupp fundamentalista fil-pajjiż wettaq dawn l-attakki iżda dan il-grupp meqjus ċkejken kien mgħejjun minn grupp internazzjonali, qalu l-awtoritajiet fi Sri Lanka. Minkejja dan, ħadd ma refa’ responsabilità ta’ dan l-attakk fl-Għid il-Kbir.
L-isplużjonijiet seħħew fi tlett ibliet differenti – bil-parti l-kbira tal-isplużjonijiet f’Colombo, splużjoni fi knisja f’Negombo, u oħra fi knisja f’Batticaloa.
Fost il-mejtin hemm ħamsa u tletin barrani, fosthom mill-Ingilterra, l-Istati Uniti, l-Olanda, u ċ-Ċina.
Anders Holch Povlsen, li jmexxi l-kumpanija tal-moda ASOS, tilef tliet ulied fl-attakki terroristiċi fi Sri Lanka.
Huwa kkonferma l-mewt ta’ wliedu, u talab lill-midja internazzjonali tirrispetta l-privatezza ta’ qrabatu f’dan iż-żmien.
Hu mifhum li l-familja kienet fuq btala fil-pajjiż meta nqatlu.
Il-Gvern tas-Sri Lanka ordna li ħadd ma joħroġ minn daru hekk kif dawn l-attakki kienu l-aktar imdemmija minn mindu l-pajjiż ħareġ minn gwerra ċivili għaxar snin ilu.