In-numru ta’ persuni minn pajjiżi terzi li jaħdmu bħala xufiera li jġorru l-passiġġieri u li jqassmu l-ikel naqsu b’1,030, f’perjodu ta’ ħames xhur, minn Ġunju li għadda.
Dan wara r-riforma li daħlet fis-seħħ fis-settur tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
Il-Ministru Camilleri spjega li n-numru ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi, irreġistrati ma’ Jobsplus fit-30 ta’ Ġunju kien ta’ 4,024 full time u 1,233 part time għal total ta’ 5,257.
Madanakollu ntqal li n-numru fid-19 ta’ Novembru li għadda kien ta’ 3,171 full time u 1,056 part time għal total ta’ 4,227.
Il-Ministru Camilleri żied li nfurmat li bħal kull ħaddiem, dawk li japplikaw għal change of employer, change of designation u renewal jiġu provduti interim receipt, li hija magħrufa bħala ‘blue paper’.
Din il-proċedura ilha fis-seħħ għal ħafna snin u dan id-dokument ikun revokat meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.
Dwar dan ikkummenta l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
“Din allura turi kif bħala Gvern meta ngħidu kelma u meta nieħdu deċiżjoni nżommuha. Allura l-pass li jmiss huwa li nkomplu nibnu anka fuq din hekk kif ftit tal-ġimgħat oħra kif diġa ħabbar il-Prim Ministru se nkunu qed iniedu Labour Migration Policy li ma tħarisx biss lejn suq wieħed jew tnejn imma tħares lejn il-politika tagħna li tħares lejn Labour Migration lejn pajjiżna fit-totalità tiegħu.”
Il-Ministru Byron Camilleri