Atmosfera ta’ dieqa bħalissa fi Franza, wara l-qtil ta’ tifla ta’ 12-il sena, li nstabet mormija f’bagoll tal-plastik f’Pariġi. Il-katavru ta’ Lola nstab nhar il-Ġimgħa li għadda f’bitħa barra l-blokk ta’ appartamenti fejn kienet tgħix. Mara Alġerina ta’ 24 sena nżammet taħt arrest preventiv fuq suspett ta’ qtil, stupru kif ukoll atti ta’ tortura.
Ir-raġuni wara l-qtil għadu misteru, u l-avukat tas-suspettata ikkundanna d-diversi xnigħat li qed jiċċirkolaw lokalment. Il-prosekutur ta’ Pariġi żvela li taħt kull sieq, il-vittma kellha ċ-ċifri żero u wieħed miktuba bl-aħmar, iżda ma ssuġġerewx għaliex.
Ftit wara li nhar it-Tlieta l-President Emmanuel Macron iltaqa’ mal-ġenituri tat-tifla maqtula fil-Palazz tal-Élysée u wiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu, l-avversarji politiċi fuq il-lemin u l-lemin estrem akkużaw lill-gvern li falla lill-familja.
Waqt sessjoni animata fl-Assemblea Nazzjonali, qam battibekk politiku dwar l-istatus ta’ migrazzjoni tal-persuna suspettata li wettqet il-qtil. Marine Le Pen tal-partit tal-lemin estrem kkundannat l-aġir tal-Gvern, filwaqt li l-Prim Ministru Elisabeth Borne wissietha biex “turi ftit diċenza” u tirrispetta l-uġigħ tal-ġenituri u l-memorja ta’ Lola. “Ħalli l-pulizija u l-ġudikatura jagħmlu xogħolhom,” appellat il-Prim Ministru.
Lola sparixxa nhar il-Ġimgħa li għadda wara li naqset milli tasal id-dar mill-mixja qasira mill-iskola, fil-Grigal ta’ Pariġi. Sa tard filgħaxija, il-katavru tagħha nstab ġewwa bagoll bir-roti.
Eżami post-mortem sab li hija sofriet problemi kardjorespiratorji “b’sinjali ta’ asfissija u kompressjoni ċervikali”. Instabu wkoll feriti f’wiċċha, f’daharha u f’għonqha.
Peress li missierha huwa l-kustodju tal-binja fejn jgħixu, ma damx ma sab filmat tas-CCTV li juri lis-suspettat, Dahbia B, ma’ bintu fis-sala tal-blokk ta’ appartamenti l-Ġimgħa wara nofsinhar. Raġel ta’ 43 sena ġie mixli li għen biex jaħbi l-katavru tat-tifla.
Mottiv potenzjali minn sorsi qrib l-investigazzjoni huwa tilwima bejn is-suspettata ewlenija u omm Lola. Dahbia B kienet ilha tgħix fl-istess bini ma’ oħtha, iżda omm Lola irrifjutat li ttiha pass biex tidħol fil-blokk ta’ appartamenti.
Hija qed tinżamm iżolata fil-ħabs ta’ Fresnes, fin-Nofsinhar ta’ Pariġi. Huwa allegat li kienet vittma ta’ abbuż domestiku bosta snin ilu u li għandha tagħmel eżami psikjatriku.