L-istazzjon nazzjonali Taljan, RAI, qed jirrapporta kif in-Nofsinhar tal-Italja, partikolarment Sqallija tinsab ħuġġieġa waħda.
Intqal kif medda kbira ta’ art foresta intilfet fosthom anki ’l fuq minn Sqallija, jiġifieri f’Puglia.
Viċin Sirakuża, ħelikopter tal-Protezzjoni Ċivili użat għat-tifi tan-nar iġġarraf, l-istess bħala ma ġara fil-Greċja jumejn ilu iżda b’xorti tajba, din id-darba l-bdot instab ħaj.
F’Palermu s-sitwazzjoni kompliet teskala fejn għal xi ħin iż-żewġ ajruporti ewlenin fi Sqallija, jiġifieri dak ta’ Palermu fi-Tramuntana ta’ Sqallija u dak ta’ Katanja kienu t-tnejn magħluqin.
Viċin it-tempju Grieg fuq stil doriku ta’ Segesta fil-provinċja ta’ Trapani hemm kull m’hemm irmied, litteralment b’ċappa sewda ddawwar iż-żona tat-tempju storiku.
Dan apparti qtugħ ukoll fil-provvista tal-elettriku madwar il-pajjiż hekk kif fl-aħħar jiem, il-qalba tal-Mediterran, inkluż f’Malta, kien meqjus bħala l-epiċentru tal-mewġa tas-sħana.
Is-sitwazzjoni mistennija tkun aħjar hekk kif niżlet it-temperatura iżda l-effetti għadhom jinħassu u l-membri tat-tifi tan-nar għadhom jissieltu kontra nirien li komplew jitferxu.
Bosta Maltin li nzertaw fi Sqallija wkoll tkellmu kif kellhom jaraw kif se jivvjaġġaw lura lejn Malta, b’bosta fittxew u telqu minn postijiet milquta u marru lejn Pozzallo, il-port minn fejn jaqbdu l-katamaran lejn Malta.