Waqt li t-temperaturi globali baqgħu jiżdiedu fl-aħħar għexieren ta’ snin, studju ġdid f’madwar elf u erba’ mitt reġjun Ewropew, li għadu kemm ġie ppubblikat, jindika kif ir-rati tal-imwiet kawża ta’ dan qed jiżdiedu drastikament.
Dan hekk kif it-tniġġis tal-arja, flimkien ma’ sfidi oħrajn ambjentali, qegħdin dejjem joħolqu temperaturi estremi sena wara oħra.
L-istudju juri li, partikolarment fin-Nofsinhar tal-Ewropa, inkluż f’pajjiżna, ir-riżultati huma agħar u jbassru ferm iżjed imwiet fiż-żmien li ġej, kawża tas-sħana estrema.
L-istudju, li ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, itenni li, fis-sajf tal-2022, l-aktar wieħed sħun li qatt esperjenza s’issa l-kontinent, mietu mas-60,000 persuna bis-sħana.
Bejn l-1991 u l-2020, tali mwiet fin-Nofsinhar tal-Ewropa qabżu dawk fit-Tramuntana b’madwar sitt darbiet aktar.
L-istudju, li jieħu spunt mir-rata tal-imwiet passati, ibassar x’jista’ jkun qed iseħħ fl-Ewropa bl-ipoteżi li t-temperaturi jkomplu jiżdiedu bejn grad u nofs u erba’ gradi Celsius.
U l-konsegwenzi ma jistgħux jkunu agħar minn dawk fin-Nofsinhar Ewropew.
Fil-każ ta’ Malta, it-temperaturi bejn l-1991 u l-2020 wasslu għal rata medja ta’ mwiet mis-sħana ta’ 78 fis-sena, filwaqt li l-istudju jbassar li, b’żieda ta’ erba’ gradi Celsius oħra, din tiżboq l-elf mewt, partikolarment fost il-faxxa ta’ persuni li għandhom ’il fuq minn 85 sena.
Minn dan l-istudju joħroġ li l-istima taż-żieda fl-imwiet fis-sena fl-Ewropa se tkun ta’ madwar ħmistax għal kull mitt elf persuna, iżda fil-każ ta’ Malta t-tbassir jisħaq li dan saħansitra jista’ jilħaq il-95 mewt kull mitt elf persuna.
Għaldaqstant, l-istudju xjentifiku jkompli jħeġġeġ li jsiru aktar sforzi biex jitnaqqsu tali riskji relatati mat-tibdil fil-klima u b’hekk jiġu salvati aktar ħajjiet, waqt li jittieħdu miżuri, li jilqgħu għal temperaturi estremi, inkluż f’postijiet abitabbli.