Fil-Jum Internazzjonali għan-Nisa fix-Xjenza, ittellgħet taħdita bejn għadd ta’ xjenzati u persuni li jaħdmu f’dawn l-oqsma, fosthom fl-iSTEM, fil-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta.
Fost l-oħrajn, f’żewġ panels separati, ġew ittrattati diversi suġġetti b’rabta ma’ dan il-qasam, kif ukoll l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa f’dan is-settur.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11154500/Screenshot-2025-02-11-at-15.42.02-1024x558.jpg)
Intqal ukoll li aktar nisa għandhom juru interess f’dawn is-suġġetti, hekk kif, biex issir ir-riċerka u l-innovazzjoni meħtieġa, li tiffaċilita ħajjet kulħadd, in-nisa għandhom ikunu wkoll fiċ-ċentru ta’ dan is-settur.
Tkellimna ma’ Alexandra Bonnici, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ tax-Xjenzati, kif ukoll lettur fi ħdan il-Fakultà tal-Inġinerija fl-Univeristà ta’ Malta.
“Sfortunatament il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xjenza hu ħafna inqas mill-parteċipazzjoni tal-irġiel, allura avvenimenti bħal dawn huma maħsuba biex jippromwovu idea ta’ gender equality bejn in-nisa u l-irġiel fil-qasam tal-iSTEM u ninkoraġixxu tfajliet li għadhom żgħar, li qed jitħajru li qed jidħlu fil-qasam tax-xjenza, biex ikomplu jistudjaw ix-xjenza.”
Il-President tal-Kamra tax-Xjenzati, Alexandra Bonnici
Tkellimna wkoll ma’ uffiċjali għoli fix-xjenza u l-immaniġġjar fl-Uffiċċju tal-Marketing Alumni and Communications, li spjegat il-bżonn wara avvenimenti ta’ din ix-xorta.
“Din is-sena, qed niċċelebraw l-għaxar sena minn din il-ġurnata daqshekk importanti. Il-UNESCO ħasset il-bżonn li jiżdiedu n-nisa u l-bniet f’dan il-qasam. Għalfejn? Jekk għandek nofs il-popolazzjoni li mhux inkluża fl-innovazzjoni, dawn mhux se jkunu ta’ varjetà, allura hu importanti ħafna.”
Daniele Martine Farrugia, Ufficjali Għoli u Xjenzata
Waqt din it-taħdita, tkellmet ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, li spjegat kif aktar nisa huma meħtieġa f’dan is-settur, hekk kif dan hu settur iddominat minn preżenza maskili.
Minbarra hekk, is-sehem tan-nisa fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni hu essenzjali wkoll għall-‘Viżjoni Malta 2050’.