Irridu niżguraw li l-Afganistan ma tibqax żona ta’ kunflitt. Naħfru lil min ħadem kontrina, imma issa ma rridux għedewwa esterni jew interni.
Dan kien il-messaġġ tal-ewwel konferenza tal-aħbarijiet mit-tmexxija tat-Taliban, jiem wara li ħadet il-poter tal-Afganistan f’idejha. Zabihullah Mujahid, il-kelliem ewlieni tal-grupp, assigura wkoll mal-midja li persuni li tul is-snin ħadmu ma’ qawwiet barranin mhux se jiġu interrogati u se jinżammu siguri.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet intqal ukoll li l-midja privata fil-pajjiż se titħalla’ indipendenti. It-Talibani fissru l-impenn tagħhom lejn dan il-qasam skont il-kultura tagħhom.
Dwar id-drittijiet tan-nisa, suġġett li ħafna wrew tħassib dwaru fl-aħħar jiem, intqal li dawn se jitħallew jistudjaw u jaħdmu, iżda fil-limiti tal-liġijiet tax-Sharia.