Fil-jum dinji għas-saħħa, il-EUROSTAT ħareġ statistika li turi li n-nisa Maltin huma l-aktar li jgħixu f’saħħithom għal tul ta’ żmien fl-Ewropa.
Dan filwaqt li l-irġiel Maltin ġew it-tieni fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm wieħed hu mistenni li jgħix f’saħħtu.
Fil-fatt fl-2018 in-nisa Maltin kienu mistennija li jgħixu f’saħħithom sa ftit aktar minn tlieta u sebgħin sena (73.4 sena).
Wara n-nisa Maltin ġew in-nisa Żvediżi (72 sena) u imbagħad dawk Irlandiżi (70.4 sena).
Il-medja Ewropea għan-nisa kienet ta’ 64.2 sena.
B’hekk in-nisa Maltin jgħixu kważi għaxar snin iktar b’saħħithom mill-medja Ewropea.
F’dak li għandhom x’jaqsmu l-irġiel kienu biss l-irġiel Żvediżi li qabżu l-Maltin.
Fil-fatt l-irġiel Maltin jgħixu kważi tnejn u sebgħin sena f’saħħithom (71.9 sena) u b’hekk ġew fit-tieni post fl-istatistika tal-EUROSTAT.
L-irġiel Żvediżi jgħixu ftit aktar minn tlieta u sebgħin sena (73.7 sena) f’saħħithom.
Wara l-irġiel Maltin ġew dawk Norveġiżi li jgħixu l-aktar f’saħħithom (71.7 sena).
Il-medja Ewropea għall-irġiel kienet ta’ ftit inqas minn erbgħa u sittin sena (63.7 sena).
B’hekk l-irġiel Maltin kienu ftit aktar minn tmien snin fuq il-medja Ewropea.
In-nisa u l-irġiel fil-Latvja huma l-inqas fl-Ewropa li jgħixu f’saħħithom.
Filwaqt li n-nisa Latvjani jgħixu biss 53.7 sena f’saħħithom, l-irġiel ta’ dan il-pajjiż Baltiku jgħixu 51 sena mingħajr ma jkollhom kumplikazzjonijiet f’saħħithom.