Żewġ fergħat tal-Partit Laburista, in-Nisa Laburisti u l-Fondazzjoni Ideat qed ifakkru sittax-il jum ta’ attiviżmu, sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika.
Nisa Laburista nediet kampanja ta’ għarfien dwar il-vjolenza domestika li se tiġi ffinanzjata mill-Allejanza Progressiva tas-Socjalisti u d-Demokratici fil-Parlament Ewropew.
Din se tiffoka fuq tliet tipi differenti ta’ vjolenza domestika, li sfortunatament ma jingħatawx attenzjoni daqs forom oħra ta’ vjolenza. Dawn huma l-vjolenza ekonomika, verbali u emozzjonali, tliet tipi ta’ abbuż li diversi persuni jaffaċjaw fuq bażi regolari.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, sostniet li din se sservi biex teduka lill-pubbliku fuq x’jista’ jkun abbuż.
Hija stqarret, “L-appell tiegħi hu li ħadd ma jaqta’ qalbu, però jimxu ‘l quddiem, ifittxu għajnuna u jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet. Nafu li anke l-pulizija waqfu ‘domestic violence unit’ fi ħdanhom u allura jistgħu jċemplu 179 biex isibu l-għajnuna għax ma tistax tibqa tgħix u tbati fis-silenzju.”
Il-Fondazzjoni Ideat tellgħet diskussjoni virtwali dwar il-vjolenza domestika, bl-isem ta’ ‘Daqshekk’, bis-sehem ta’ diversi esperti li qasmu informazzjoni u anke opinjonijiet dwar is-suġġett.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Elaine Degiorgio saħqet kif għandna nqajmu kuxjenza dwar is-suġġett mhux waqt dan iż-żmien imma matul is-sena kollha.
Hija qalet, “Infakkru u ningħaqdu wkoll ma’ dawk il-vittmi fis-silenzju, illi qegħdin madwarna li qed ibatu. Allura għandna d-dover aħna illi nippruvaw intuwhom s-sostenn tagħna illi hemm bżonn illi jersqu ‘l quddiem, illi jagħmlu dak il-pass meħtieġ biex verament jinħelsu minn din il-pjaga soċjali li sfortunatament qiegħda tolqot lil ħafna u ħafna nies madwarna.”