Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, li se jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd, is-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Catherine Fenech, flimkien man-Nisa Laburisti u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Ideat, Elaine Degiorgio, qassmu rigali lil għadd ta’ ommijiet li huma residenti fiċ-Ċentru tal-Emerġenza tal-Għabex kif ukoll priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Tul dawn l-aħħar snin, ix-xelter tal-Għabex kien ta’ spalla u wens għal nisa li jkunu vittmi tal-vjolenza domestika.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, appellat biex min għaddej minn xi tip ta’vjolenza domestika jfittex l-għajnuna.
Meta tkellmet dwar it-tbatijiet li jiffaċċjaw il-vittmi tal-vjolenza domestika, il-President tan-Nisa Laburisti spjegat li l-laqgħa li kellha mal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin imlietha b’ħafna kuraġġ, għax rat ix-xewqa f’għajnejn il-priġunieri li jikkontribwixxu mill-ġdid fis-soċjetà.