Nhar il-Ħamis, id-disa’ ta’ Frar, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburistase ssir diskussjoni interessanti dwar il-pensjoni kif ukoll l-età tal-irtirat.
It-taħdita, li hi organizzata min-Nisa Laburisti, se tibda fis-sitta’ ta’ filgħaxija u hija miftuħa għal kulħadd.
Matul din il-laqgħa se jkun hemm preżenti s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, kif ukoll Helena Holland li tmexxi l-programm ĠEMMA.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, tkellmet ma’ ONE News dwar kif f’din l-attività se tiġi diskussa, fost affarijiet oħra, l-importanza li wieħed jaħseb minn qabel għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.
“Se nkunu qed nitkellmu dwar il-pensjonijiet u l-età tal-irtirar. Meta wieħed jitkellem dwar il-pensjoni, jaħseb li għal meta wieħed jikber, meta jkollu dawk il-ħamsin sena jew il-ħamsa u ħamsin. Iżda tajjeb ukoll li naħsbu fil-preżent biex fil-futur il-pensjoni tkun waħda sostenibbli. Wieħed irid jistaqsi, ‘X’għandi nagħmel jien – illum għandi 33 sena pereżempju – biex naħseb u jkolli pensjoni aħjar?’. Għalhekk, se nkunu qed niddiskutu flimkien ma’ Mark Musù, li hu s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, u Helena Holland, li tmexxi l-programm ĠEMMA, fejn jidħol il-budgeting tal-familja u kif wieħed għandu jagħmel fejn jidħlu dawn l-affarijiet. Nixtieq li nara taħlita fl-udjenza: żgħażagħ, anzjani, nisa, u rġiel – irrelevanti. Din id-diskussjoni hi miftuħa għal kulħadd.”