- Pass importanti lejn l-ugwaljanza
Nisa Laburisti appellat u ħadet l-okkażjoni biex tfakkar lill-Membri Parlamentari biex meta llejla jitkompla t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi dwar żwieġ indaqs, ma jkunx hemm aktar diskors madwar terminoloġija legali li qegħdha hemmhekk biex tipproteġi l-ugwaljanza ta’ kulħadd.
Nisa-Laburisti qalet dan għaliex qed tara li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista dawret id-dibattitu dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ f’battalja għal suppost protezzjoni ta’ kliem bħal omm u missier.
“Bħala omm jien ser nibqa’ l-istess bħalma r-raġel tiegħi ser jibqa’ jissejjaħ Pa. Il-liġi mhux qegħdha hemm dwar dan l-affarijiet imma biex meta koppja tal-istess sess tirċievi ċertifikat taż-żwieġ ikollhom referenza ġusta u mhux diskriminarja” qalet Claudette Abela Baldacchino President ta’ Nisa Laburisti.
Nisa Laburisti qalet li m’għandix dubju li l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli ser ikollha ċertifikat akbar milli qatt kellha dwar kemm hija kommessa favur id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.”
Bil-liġi għal żwieġ indaqs il-Ministru Dalli ser tissiġilla pakkett ta’ liġijiet jagħmlu ġieħ lill-Ugwaljanza f’pajjiżna.
Nisa Laburisti qalet li kienet protagonista f’dan kollu għaliex dan il-mument storiku li qed iseħħ fil-Parlament beda sena ilu f’ċelebrazzjoni organizzata minn Nisa Laburisti.