Kważi tliet kwarti ta’ dawk li jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja fil-komunità huma nisa, wlied il-persuna bid-dimensja.
Dan joħroġ minn studju li wettqet ir-riċerkatriċi Charmaine Spiteri li ħadmet teżi f’livell maġisteru fuq is-servizzi offruti lin-nies li jieħdu ħsieb lil persuni bid-dimensja.
Hi qalet “Irriżulta f’riċerka barra minn Malta u anki 2015 fir-riċerka ta’ Muscat, imbagħad anki fir-riċerka tiegħi 2018 illi l-persuni, l-iktar persuni li jieħdu ħsieb il-ġenituri bid-dimensja huma t-tfal tagħhom, huma bniet”.
Stqarret li l-età medja tan-nies li jduru bil-persuni bid-dimensja hija ta’ 60 sena.
Spiteri li ħadmet din ir-riċerka mal-Professur Charles Scerri spjegat kif dan ifisser li anzjan litteralment qed jieħu ħsieb anzjan ieħor.
Sostniet li dawn il-persuni li jieħdu ħsieb nies bid-dimensja fil-komunità jkollhom diversi sfidi.
Spiteri tenniet “Dawn it-tfal diġà għandhom il-familja tagħhom jiġifieri dawn qed ikunu maqbudin f’dik li ngħidulha sandwich generation. Mela dawn it-tfal għandhom il-familja tagħhom u ġieli anki t-tfal tat-tfal għandhom lil min jieħdu ħsieb u qed jieħdu ħsieb lill-ġenituri. Jiġifieri l-burden, l-impenn huwa kbir ħafna. Jekk ma jkollniex servizzi tajbin u aċċessibli ma nistgħux inżommu l-anzjan bid-dimensja ġo daru, aħna”.
Tisħaq li s-servizzi offruti huma tajbin u jeżisti l-helpline 1771 sabiex tiġi offruta l-għajnuna lin-nies li jkunu jeħtieġu servizzi marbuta mal-qasam.
Spitieri temmet tgħid li “Ma’ min għamilna riċerka stqarru illi s-servizzi huma tajbin u l-maġġorparti kien riżultat sodisfaċenti pero hemm bżonn li nagħmlu awareness ħalli dak li jkun jista’ jaċċessahom iktar.”
Filwaqt li Charmaine Spiteri tibqa’ tisħaq fuq kemm persuni bid-dimensja huwa tajjeb li jibqgħu fil-komunità, pajjiżna għandu wkoll ċentru għal matul il-jum għall-persuni bid-dimensja.
Fil-fatt dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-persuni bid-dimensja ġej b’investiment mill-privat u li mistenni jkun hemm iżjed ta’ dan it-tip.