Pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’operazzjoni missielta biex jintfew in-nirien li ħakmu l-impjant tal-Wasteserve fil-Magħtab kmieni dalgħodu. Ebda ħaddiema ma weġġgħu f’dawn in-nirien.
In-nirien qed jiġu kkontrollati, iżda huwa maħsub li se jieħdu jiem biex jintfew kompletament.
Id-Dipartiment ħareġ 10 vetturi tat-tifi tan-nar u iktar minn 30 pumpier. Intant, qed iħeġġeġ biex residenti fl-irħula fil-viċin ma jiftħux it-twieqi ta’ djarhom, u sewwieqa huma mħeġġa biex jevitaw iż-żona.
Persuni li jbatu minn mard tal-qalb jew tal-pulmun, jew bl-asthma, huma mħeġġa jibgqħu ġewwa u jsejħu tabib jekk iħossuhom ma jifiħlux.